www.l-orizzont.com - It-Tnejn 8 ta' Marzu 2010
Il-problemi enormi li għaddejjin minnhom il-Greċja jistgħu ma jibqgħux “problemi Griegi” biss. Jistgħu jinfirxu lejn pajjiżi oħrajn. Hu għalhekk li l-Greċja u Brussels qegħdin jaraw flimkien, kif permezz taż-Żona Ewro, jistgħu jikkontrollaw is-sitwazzjoni, bil-Gvern Grieg jintroduċi miżuri ta’ awsterità, miżuri li wasslu għal protesti kbar fit-toroq. Biex il-borma tkompli tagħqad, l-aġenzija tar-ratings Standard and Poor’s, stqarret li l-credit rating tal-Greċja jista’ jitniżżel għal BBB-, skaluna biss ’il fuq mill-fondoq. Fi ftit kliem, sitwazzjoni li f’termini ekonomiċi u politiċi tista’ ssejħilha biss tempesta.
F’sitwazzjoni bħal din x’inhuma l-għażliet li għandhom l-Greċja u ż-Żona Ewro?
L-ewwel għażla hi li jkunu l-pajjiżi taż-Żona Ewro li joħorġu lill-Greċja mill-kriżi. Sa ftit ilu, f’laqgħa għolja tal-UE, il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-President Barroso u l-President tal-Bank Ċentrali Ewropew, Trichet, dehru li kienu resqin lejn soluzzjoni bħal din. Sakemm l-aktar żewġ pajjiżi sinjuri fiż-Żona Ewro, il-Ġermanja u Franza, urew ċerta kawtela, bil-mexxejja tagħhom it-tnejn jistqarru li kien intbagħat “sinjal politiku ċar ħafna”, kawtela li kompliet tiġi elaborata mill-Kanċillier Ġermaniż meta qalet li “l-Greċja mhix se titħalla waħedha, imma hemm ir-regoli u dawn iridu jkunu segwiti”. Kliem li wassal għal aktar konfużjoni u aktar spekulazzjoni fis-swieq.
Fil-verità, soluzzjoni provduta miż-Żona Ewro, ovvjament soluzzjoni finanzjarja, tqajjem ħafna mistoqsijiet. X’forma ta’ għajnuna finanzjarja? Forma ta’ kreditu? Forma ta’ garanzija fuq is-self? U l-finanzjament għal dan mnejn se jiġi? Kemm se jipprovdi mit-taxxi tiegħu ċ-ċittadin Ewropew? Mistoqsijiet li mill-ewwel juru li fihom infushom diġà jfissru ostakoli politiċi kbar.
Problema oħra li tista’ titqajjem titratta l-legalità jew le ta’ soluzzjoni miż-Żona Ewro. Punt li kien enfasizzat ħafna mill-President Van Rompuy f’laqgħa li kellu magħna l-MEPs membri tal-Grupp Soċjalista u Demokratiku fi Brussels nhar l-Erbgħa, 3 ta’ Marzu, 2010.
It-Trattat ta’ Lisbona (Artiklu 125) jagħmilha ċara li l-Unjoni Ewropea ma tidħolx responsabbli għal obbligi li jkunu daħlu għalihom Gvernijiet tal-pajjiżi membri. Ħafna jirreferu għall-politika bħala l-arti tal-possibbli, imma soluzzjoni għall-Greċja b’dan il-mod tista’ tispiċċa quddiem qorti?
Għażla oħra li tista’ tagħmel il-Greċja hi li tmur għall-wens tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF). Apparti l-fatt li diġà hemm nuqqas ta’ qbil fi ħdan il-pajjiżi taż-Żona Ewro dwar kemm l-IMF hu f’pożizzjoni aħjar li jsalva lill-Greċja. Imma mhux biss. Kieku l-Greċja kellha tirrikorri għall-wens tal-IMF, tkun ingħatat daqqa qawwija mhux biss liż-Żona Ewro imma wkoll lill-Grecja nnifisha. Tkun ammissjoni ta’ falliment mill-Unjoni Monetarja Ewropea magħdud magħha l-aspett soċjali. Fil-konfront tal-Greċja nnifisha wens mill-IMF ikun ifisser introduzzjoni ta’ miżuri ta’ awsterità aktar iebsin minn dawk li kontrihom qegħdin jipprotestaw fit-toroq eluf kbar ta’ Griegi.
Sadattant bdew ħerġin soluzzjonijiet oħrajn minn ekonomisti u kummentaturi ta’ stoffa. Martin Feldstein, mill-Università ta’ Harvard, issuġġerixxa li l-Greċja għandha titħalla toħroġ miż-Żona Ewro, filwaqt li Charles Goodhart mil-London School of Economics ħareġ bl-idea li kemm il-Greċja kif ukoll il-Portugall jerġgħu joħorġu l-muniti antiki tagħhom, id-drachma u l-escudo rispettivament, flimkien mal-ewro fi sforz biex jilħqu rata ta’ kambju aktar kompetittiva.
Madankollu, minkejja li ż-żewġ proposti, ġejjin minn żewġ ekonomisti ta’ fama kbira, huma ekonomikament sodi, għandhom ħafna problemi politiċi marbutin magħhom. Li titlaq miż-Żona Ewro jkun ta’ imbarazzament nazzjonali qawwi għall-Gvern Grieg, meqjus il-fatt li bħall-Portugall, l-Italja, l-Irlanda, Spanja u anke Malta, il-Greċja kienet iddisprata biex akkost ta’ kollox tidħol fiż-Żona Ewro, tant li kien hemm min qarraq bil-goff u kien hemm min qarraq inqas.
S’issa, il-Greċja għadha ma talbet lil ħadd li joħroġha mill-kriżi. Hemm min fil-Gvern Grieg li jemmen li kieku kellu jsir hekk tkun sfat imminata kompletament l-kredibilità fil-pjani Griegi biex sa tmiem din is-sena d-defiċit jitnaqqas b’4% mit-12.7% li hu bħalissa. Imma l-verità hi li hemm dubji kbar kemm il-Greċja se jirnexxielha timmaterjalizza l-pjan ambizzjuz tagħha.
Aktar minn hekk, waqt li s-swieq finanzjarji jkomplu jippanikjaw u l-Greċja tibqa’ suġġetta għal attakki spekulattivi, ir-riżultat ikun li s-sitwazzjoni tkompli teħżien. Jekk ma jsir xejn u d-destin tal-Greċja jitħalla f’idejn is-swieq finanzjarji spekulattivi dan jista’ jwassal għal falliment li konsegwenzjalment jista’ jħalli effett qawwi fuq il-pajjiżi l-oħrajn tal-Mediterran u partikolarment fuq Spanja u l-Portugall. Biex katastofi bħal din tkun evitata, il-Greċja teħtieġ li tkun appoġġjata b’finanzjament reali u qawwi u mhux biss bil-kliem.
Il-mexxejja politiċi Ewropej għandhom quddiemhom il-kitba fuq il-ħajt: iddeċiedu u aġixxu malajr. Ma’ kull ġurnata li tgħaddi l-pożizzjoni tal-Greċja qegħda teħżien u magħha qegħda tiddgħajjef is-saħħa u r-reputazzjoni tal-munita ewro. Din il-krizi finanzjarja hi l-akbar sfida li ffaċċjat s’issa ż-Żona Ewro.
Il-mistoqsijiet imqanqla minn din il-kriżi huma bosta filwaqt li t-tweġibiet aċċettabbli għalihom huma ftit, jekk mhux xejn.
24.3.10
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment