www.l-orizzont.com - Il-Ħamis 18 ta' Marzu 2010
Li l-poplu qiegħed ibati u se jbati aktar malli jibda jirċievi l-kontijiet tad-dawl u l-ilma bit-tariffi l-ġodda, m’hemm ebda dubju dwaru. Dan jammettieh il-Gvern stess. Tant li qed jittanta jilgħab karta wara l-oħra fi sforz li jbenġel kif jista’ s-sitwazzjoni filwaqt li jaħbi ħtijietu.
Lagħab il-karta li ż-żieda esorbitanti fit-tariffi tad-dawl u l-ilma kienet marbuta mal-prezz taż-żejt. Malli l-Gvern irrealizza li din l-iskuża mhix kredibbli mal-poplu, lagħab it-tieni karta. Qiegħed jgħidilna li dawn it-tariffi aktar huma miżura preventiva milli ħaġ’oħra, biex issalvana milli ngħaddu minn dak li għaddejja minnu l-Greċja bħalissa.
Imma għaliex iggranfaw mal-Greċja mill-pajjiżi l-oħrajn kollha fiż-Żona Ewro? X’għandu komuni pajjiżna mal-Greċja? Forsi qiegħed ikun indikat baxx baxx li hemm xebħ bejn Malta u l-Greċja?
Mhux xi ħaġa li ġrat lbie-raħ. Nistgħu mmorru lura mill-inqas lejn Settembru tas-sena 2008. Kien hemm li beda jberraq sew. B’mod li bellaħ lis-sieħba soċjali fl-MCESD, il-Gvern kien irrifjuta, u dan b’mod assolut, li jikkonsulta magħhom b’mod ta’ veru fuq kwistjonijiet li huma ta’ inte-ress nazzjonali. L-alternattivi li bdew ikunu offruti bħala soluzzjoni kienu kollha jwasslu lejn l-istess destinazzjoni, imma b’mod differenti. Bħal donnok tagħti għażla lil persuna kkundannata għall-mewt tridx tmut bit-tgħalliq jew b’tiri ta’ azzarin!
Fir-rapport fuq it-tariffi l-Gvern inħeba wara ħafna grafika u aritmetika kkumplikata flimkien ma’ tiġbid ta’ prinċipji ekonomiċi. Dan qajjem tħassib, imma dakinhar ftit irrealizzaw li l-Gvern innifsu kien fi stat ta’ xokk. Kienu għaddew biss ftit xhur minn wara l-Elezzjoni Ġenerali tas-sena 2008 u l-Gvern kien sar konxju mill-emoroġija finanzjarja.
Il-miżura ta’ emerġenza kellha tittieħed f’Ottubru 2008. Kien enfasizzat li xejn u ħadd ma seta’ jreġġa’ lura tali miżura kkawżata, skont il-Gvern, minn forza maġġuri. Mhux talli hekk, talli kellha tkun miżura retroattiva.
Fl-istess ħin riedu li tingħata l-impressjoni li kollox miexi b’mod normali, li l-Gvern ma kienx dahru mal-ħajt. Anzi kellu r-riżorsi finanzjarji adegwati biex iwettaq pakkett ta’ stimolu ekonomiku effikaċi. Fil-fatt bdew jingħażlu kumpaniji kbar biex ikunu mgħejjunin finanzjarjament joħorġu mill-inkwiet.
Però fi żmien meta d-dinja kienet għaddejja minn waħda mill-agħar riċessjonijiet mis-Snin 30 ’il hawn, il-politika fiskali tal-Gvern Malti fir-realtà kienet li tkompli tissikka, mhux tespandi kif suppost kellu jsir fi żmien diffiċli bħal dan. Dan qalitu wkoll l-Kummissjoni Ewropea u mhux jien biss. Intuża repetutament metodu ġdid ta’ tassazzjoni moħbija, billi d-dħul ġdid ġie maskerat fit-ta-riffi tad-dawl, l-ilma, il-gass u riċentement f’taxxa fuq id-drenaġġ.
Kemm huwa veru li Malta u l-Greċja għandhom ferm aktar affarijiet komuni bejniethom, milli sempliċiment li huma żewġ pajjiżi Mediterranji? Ħalli naraw.
Jekk hemm xi ħaġa li tissupera fil-kwistjoni tal-Greċja huwa d-dejn. U Malta? Id-dejn ta’ pajjiżna tul dawn l-aħħar 20 sena sploda minn 12 fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku (PGD) kif kien fl-1986 għal aktar minn 70 fil-mija tal-PGD ftit snin ilu. Biex irriżulta dan kollu l-Gvern żied in-nefqa rikorrenti tiegħu ta’ kull sena b’rata ferm ogħla minn dik li biha kien qed jikber il-kejk nazzjonali, jiġifieri l-PGD. Anke jekk it-tkabbir ekonomiku lejn l-aħħar tas-Snin 80 u l-bidu tas-Snin 90 kien taj-jeb ħafna, l-infiq kien ferm akbar. In-nefqa pubblika ma kinietx taf b’limiti.
Sadattant laħqet iddaħħlet sewwa f’pajjiżna mentalità li l-flus mhux problema. Xi ħaġa li kienet tbellgħet u twemmnet minn bosta. Miljuni kbar ta’ ewro kienu litteralment moħlijin fi programmi u inizzjattivi li ma rrendewx dak mistenni minnhom. Ma’ dan hemm sussidji żgwidati u nuqqas ta’ trasparenza u kontabilità min-naħa ta’ awtoritajiet u aġenziji pubbliċi. Dan kollu, u allura parti sewwa min-nefqa pubbika esorbitanti, inħeba taħt it-tapit permezz tas-self.
Wieħed jista’ jgħid iżda, li l-passat huwa passat, u kif jgħid il-qawl: għall-passat m’hemmx kunsill. Imma għall-futur? Hemm xi tama? Il-miżuri ekonomiċi li qed jieħu l-Gvern huma għall-inqas tajbin? Jiddispjaċini nistqarr li ma naqbel xejn mal-politika ekonomika li qed imexxi l-Gvern. Skont li tgħallimt u dak li qed isaħħu fonti ta’ esperti tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) dak li qed jagħmel il-Gvern qed iwassal biex il-problemi jibqgħu magħna avolja qed ifissru tbatija kbira għal bosta familji.
Biżżejjed tħares lejn kif tmexxew il-finanzi pubbliċi tagħna fi żmien ta’ preparazzjoni biex isseħħ is-sħubija fl-Unjoni Ewropea u susseġwentement id-dħul fiż-Żona Ewro. Dakinhar tmexxiet l-istess politika fiskali li qegħdin tiġi applikata llum.
Dan sar, primarjament, permezz ta’ żieda qawwija fil-piż tat-taxxi, tant li ksirna r-rekord fl-Unjoni Ewropea għal dawn iż-żidied, miżura li kkawzat riċessjoni għal sen-tejn, sentejn li kienu “kumplimentati” bi tkabbir ekonomiku kajman, kemm qabel, kif ukoll wara, dan il-perjodu ta’ riċessjoni.
Is-sena 2007, partikolarment rat il-Maltin iħabblu moħ ħhom kif jeħilsu mil-Lira Maltija moħbija billi jonfquha. Dan għen qatigħ biex tkompli tintefaħ il-bużżieqa fis-settur tal-proprjetà u żieda qawwija fil-konsum.
Din is-sitwazzjoni qarrqet anke bil-Gvern innifsu, tant li beda jemmen li l-ekonomija kienet tinsab lura fit-triq it-tajba, bi tkabbir sostenibbli.
Jidher li l-Gvern ma tgħallimx il-lezzjoni li l-konsolidazzjoni fiskali permezz ta’ żidied fil-piz tat-taxxa u tnaq qis fl-ispiza kapitali ma tgħinx wisq biex toħroġ l-ekonomija mir-riċessjoni u twassal għat-tkabbir ekonomku sodisfaċenti.
Tkun stupidaġni li għal darb’oħra l-Gvern jirrepeti l-proċess ta’ konsolidà fiskali bbażat f’żieda fil-piż tat-taxxi u tnaqqis fin-nefqa kapitali.
L-effett inflazzjonarju li se jikkawżaw it-tariffi l-ġodda se jwassal biex inkomplu nkunu inqas kompetittivi fl-esportazzjoni tal-manifattura u t-turiżmu.
Fl-istess ħin it-tnaqqis fl-investiment pubbliku jkun ifisser tkabbir ekonomiku kajman għal numru ta’ snin.
Ma nifilhux nerġgħu nimxu l-istess triq meta nafu diġà fejn se twassal.
24.3.10
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment