l-orizzont - Is-Sibt 19 ta' Diċembru 2009
IL-KRIŻI finanzjarja ħalliet ħafna vittmi. Apparti l-impatt li r-riċessjoni kellha fuq il-pajjiżi kollha tad-dinja, jispikkaw żewġ każi partikolari. Fis-sena 2008 il-prosperità mibnija f’daqqa fuq is-settur bankarju li esperjenzat l-Islanda, ikkollassat, u l-pajjiż effettivament falla. Ftit tal-jiem ilu l-waqgħa tal-kumpanija statali Dubai World niżżlet lil Dubai għarkuptejh. L-investi¬turi issa qegħdin jitħassbu serjament dwar il-possibiltà li jkun hemm pajjiżi oħrajn li jgħaddu mill-istess esperjenza kawża tad-djun tagħhom. Fiz-Żona Ewro hemm pajjiż wieħed li kulħadd qed jitħasseb dwaru bħala li jista’ jgħaddi mill-istess esperjenza: il-Greċja. Wieħed jistaqsi: il-Greċja se tkun l-Islanda taż-Żona Ewro u tbatti taħt id-djun tagħha? M’hemm ebda dubju li l-Greċja tinsab f’inkwiet ekono¬miku kbir ħafna. Sitwazzjoni li wasslet biex jitbaxxa l-livell ta’ ‘credit rating’ tal-Greċja, li minn A tniżżel għal A-. Sadanittant id-differenza fir-rati tal-imgħax fuq il-bonds kompliet tiżdied bejn il-bonds tal-Gvern Grieg u dawk Ġer¬maniżi kompliet tit¬wessa, minkejja l-fatt li l-Greċja diġà ħallset ferm aktar fuq il-bonds tagħha minn kull pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea. Il-Ministru tal-Finanzi l-ġdid tal-Greċja, George Papa¬constantinou, wasal biex jikteb artiklu fil-Wall Street Journal fi sforz biex jassigura lill-investituri u lill-kummentaturi finanzjarji li waqt li l-pajjiż jinsab f’riċessjoni u qed jiffaċċja sitwazzjoni fiskali gravi, il-Greċja mhux se tfalli. Huwa veru li l-“problema Griega” mhix xi ħaġa ġdida. Il-Greċja għaddiet parti kbira minn dawn l-aħħar għaxar snin bi djun dejjem jikbru u b’defiċits fil-baġits għoljin mmens. Dwar dan id-defiċit il-Gvern Soċjalista attwali wiret mingħand il-Gvern Konservattiv “kotba mbagħbsin”. Id-defiċit għal din is-sena mistenni jkun jammonta għal 12.7% tal-Prodott Gross Domestiku, kuntrarjament għal 8% kif kien dikjarat mill-Gvern Konservattiv. Huwa pproġettat li sas-sena 2011 id-dejn tal-Gvern Grieg mistenni jkun tela’ għal 135%. Il-Greċja, bħall-Italja u ħafna pajjiżi oħrajn tal-Unjoni Ewro¬pea, kienu qegħdin iħarsu lejn iż-Żona Ewro bħala l-verżjoni moderna tal-Arka ta’ Noe li ssalvahom mid-diżastru finanzjarju. Bħal Malta, il-Greċja ħadet miżuri fil-qosor biex tassigura li tin¬għaqad mal-Ewro malajr, imma m’għamlitx ir-riformi strutturali fil-fond biex tassigura pro¬dut¬tività akbar kif ukoll is-sostenn tal-programmi tas-settur pubbliku. Madankollu, il-Gvern Soċjalista Grieg wera li fehem il-gravità tas-sitwazzjoni u hu lest li jaġixxi. Il-Prim Ministru Grieg, George Papandreou, ġimgħa biss wara li ngħata s-setgħa f’Ottubru li ghadda, ammetta li l-ekonomija ta’ pajjiżu kienet “fil-kura intensiva” u żied li l-Greċja kienet qed tiffaċċja “l-agħar kriżi ekonomika mir-ritorn għad-demokrazija”. Papandreou għandu l-vantaġġ li l-opinjoni pubblika hija konxja tad-diżastru li wiret il-Gvern tiegħu u dan għandu jagħtih l-appoġġ pubbliku għall-miżuri meħtieġa imma mhux popolari. Il-Prim Ministru Grieg ippropona abbozz ta’ baġit li filwaqt li jinkludi programm ta’ stimulu finanzjarju ta’ tliet biljun ewro; nefqa akbar fl-edukaz¬zjoni u s-saħħa, fl-istess ħin tnaqqis fin-nefqa f’oqsma oħra. Miżuri li jinkludu tnaqqis ta’ 25% fuq il-konsum tal-Gvern; iffriżar fuq l-impjiegi fis-servizz ċivili, b’mod li jkun impjegat wieħed għal kull ħames impjiegi li jispiċċaw bl-età tal-irtirar; kif ukoll tnaqqis fin-nefqa għad-difiża. Il-Gvern wiegħed ukoll riforma fil-pensjoni u miżuri biex tkun miġġielda l-evażjoni tat-taxxa. Il-Gvern Grieg qed jittama li b’riżultat ta’ dawn il-miżuri, sa tmiem is-sena 2010 id-deficit ikun tniżżel għal 9.1%. Tamiet sbieħ li għad iridu jkunu kumplimentati bir-riżultati. Ir-reazzjoni tas-swieq finanzjarji turi li huma ferm bogħod minn konvinti. Ħaġa waħda hija ċerta: il-Greċja, u min hu bħalha, ma jistgħux jistennew wisq favuri mill-Unjoni Ewropea. Il-Patt tal-Unjoni Ewropea għall-Istabilità u Tkabbir (SGP), li jistipula li l-pajjiżi membri għandhom iżommu l-livelli tad-djun taħt is-60% u d-defiċit tal-baġit taħt it-3%, ħa daqqa sewwa waqt il-kriżi. Fil-verità l-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, inkluż Malta, kisru dak li jgħid l-SGP, bil-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew f’attentati ddisprati biex jassiguraw li r-regoli tagħhom li jinkoraġġixxu pru¬denza fiskali ma jkunux abbandunati totalment. Fil-laqgħa tal-Ministri tal-Finanzi Ewropej ta’ ftit jiem ilu, il-Greċja ppreparat lilha nnifis¬ha għal penalitajiet iebsin. Fi kliem ieħor, huwa possibbli li l-Greċja tintalab tagħmel baġit supplimentari li fih jintalab aktar tnaqqis. Jien xorta għadni nemmen li l-Greċja ssalva. Bħala mem¬bru taz-Żona Ewro mhux se tit¬ħalla ma ssalvax, bil-President tal-Bank Ċentrali Ewropew, Trichet, ikompli jwarrab mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar il-possibiltà li pajjiż fl-Ewro jispiċċa fallut. Iż-Żona Ewro hija għaqda po¬litika daqskemm hija għaqda ekonomika u finanzjarja. Ikun imbaraz¬zanti ferm għall-Unjoni Ewropea kieku kellu jiġri li pajjiż jaqa’ mill-Ewro. Allura wara kollox, wieħed jista’ jgħid li l-fatt li tkun mem¬bru tal-Ewro jiggarantixxi protezzjoni milli ċċedi taħt id-dejn nazzjonali? Mhux daqs¬tant b’mod mgħaġġel. It-tweġiba hija fl-affermattiv, imma mhux għar-raġunijiet implikati minn dawk li jsostnu l-verżjoni tal-Arka ta’ Noe. Filfatt is-salvazzjoni, jekk, u meta sseħħ, se sseħħ b’riżultat ta’ dixxiplina mis-suq, mir-’Rating Agencies’ u mill-IMF, minn pressjoni tal-Patt tal-Unjoni Ewropea għall-Istabilità u t-Tkabbir… kollha flimkien. Huwa permezz ta’ sagrifiċċji enormi u miżuri iebsin furzati fuq pajjiż membru taż-Żona Ewro li finalment iwasslu biex isalvaw pajjiż minn falliment. Definittivament l-Unjoni Ewropea mhux se sservi ta’ salvatur faċli. Minkejja kollox, l-istorja Griega għandha sservi ta’ twissija b’saħħitha lil pajjiżi membri oħrajn, fosthom Malta. It-tkabbir tad-djun u d-defiċits tal-baġit, tbagħbis tal-kotba u l-fehma li sħubija fl-Ewro se tipprovdi ċekk mif¬tuħ, eventwalment iwassluk għal saram kbir. Mingħajr finanzi pubbliċi kredibbli u dixxiplina fiskali u monetarja, ir-ritorn sostenibbli għal tkabbir ekonomiku u normalità m’huma xejn aktar minn ħolma sew jekk tkun membru taż-Żona Ewro kif ukoll jekk tkun barra.
27.2.10
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment