27.2.10
Meta l-UE qliet lill-Gvern f’żejtu
www.l-orizzont.com - L-Erbgħa 18 ta' Novembru 2009
NISSOPPONI li kollha għandna nkunu kuntenti li finalment il-Ministru tal-Finanzi wasal għall-konklużjoni li huwa impossibbli li Malta tirregola d-defiċit eċċessiv tagħha sas-sena 2010 u li jitlob lill-Kummissjoni Ewropea testendi t-terminu għal Malta biex tilħaq dan il-għan. Madan-kollu, huwa pertinenti li nistaqsu għaliex il-Ministru Fenech ħa daqstant żmien biex jagħmel proprju dan. Lura f’Lulju li għadda, fost l-ewwel ħidmiet tiegħi bħala Membru Parlamentari Ewropew, kienet interpellanza bil-miktub li biha staqsejt lill-Kummissjoni Ewropea għaliex Malta kienet ingħatat biss sena żmien biex tnaqqas id-defiċit tagħha minn 4.5% għal 3% meta pajjiżi oħrajn ingħataw żmien sas-sena 2013 u anke aktar. Essenzjalment it-tweġiba tal-Kummissjoni injorat ir-rakkomandazzjonijiet tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) li ppropona żmien sas-sena 2013 u qalet li “ċirkostanzi speċjali” għal Malta ma jeżistux. Fl-ewwel diskors tiegħi lill-Parlament Ewropew fi Strasbourg f’Settembru li għadda bi preparazzjoni għas-summit tal-G20 fl-Istati Uniti l-ġimgħa ta’ wara, erġajt qajjimt il-każ tad-defiċit ta’ Malta. Joaquin Almunia, il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, qalilna dar-btejn (darba fil-kumitat u l-għada fil-Parlament) li ebda pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea m’għandu jwaqqaf il-pakkett ta’ stimulu ekonomiku qabel ma nkunu nistgħu naraw ritorn ċar għal tkabbir ekonomiku. Hemm qbil ġenerali dwar dan kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fl-Istati Uniti. Imma Malta kif tista’ tnaqqas id-defiċit tagħ-ha b’aktar minn 1.5% bla ma tagħmel ħsara lill-prospetti fit-tul fl-oqsma ekonomiċi u tax-xogħol? Kienet pożizzjoni kontradittorja kompletament, u dan hu dak li kont għidt. Sadattant, il-Gvern u ż-żewġ Membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti kienu qegħdin jagħtu l-impressjoni li l-Gvern kien intenzjonat li jżomm maż-żmien mogħti għal tnaqqis fid-defiċit (EDP - Excessive Deficit Procedures), u prattikament jirrabjaw għall-appelli tiegħi ma’ uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Ir-raġunijiet għal dan mhux diffiċli tasal għalihom. L-attitudni tal-Gvern Nazzjonalista ssegwi mudell familjari. L-ewwel: meta l-ekonomija tkun fl-inkwiet, iċħad li hemm problemi. It-tieni: agħti tbassir baġitarju ottimistiku biex ir-riżultati negattivi jitpinġew bħala sorpriżi mhux mistennijin flok riżultati kompletament prevedibbli. Inizjalment din l-istrateġija ta’ negozjar intlagħbet tajjeb ħafna, tant li l-Kummissjoni Ewropea emmnet l-istrataġemma li d-defiċit eċċessiv kien wieħed li jgħaddi malajr u mhux wieħed sinifikanti. Dak iż-żmien kont irrimarkajt li ma stajtx nemmen li l-Kummissjoni Ewropea kienet daqstant “fidila”. Ma kinitx. Ftit ġimgħat wara l-Kummissjoni qliet lill-Gvern Malti f’żejtu, billi tat l-impressjoni li qiegħda tieħu bħala vera d-dikjarazzjoni żbaljata u qarrieqa tal-Gvern li d-defiċit eċċessiv kien nuqqas ta’ darba li jista’ jkun malajr ikkoreġut. Għal din ir-raġuni, waqt li kkonfermat li d-defiċit kien wieħed strutturali u mhux li jgħaddi malajr, ħabbtet ma’ wiċċ Malta EDP u tatna l-iqsar terminu ta’ żmien biex id-defiċit jinġieb f’postu meta kkomparat ma’ kif imxiet ma’ pajjiżi oħrajn membri tal-Unjoni Ewropea li kienu fl-istess sitwazzjoni tagħna. Il-Gvern qatt ma messu poġġa lilu nnifsu f’rokna ristretta bħal din bi ftit spazju fejn jimmanuvra. Kif jista’ xi ħadd jispjega b’mod ieħor il-Baġit għas-sena 2010 fejn il-Gvern mhux biss żamm lura milli jieħu miżuri ekonomiċi sodi, bħal tnaqqis tal-VAT fuq servizzi relatati mat-turiżmu, imma minflok kien sforzat jintroduċi taxxi moħbijin billi jnaqqas allokazzjonijiet finanzjarji fil-Baġit lill-organizzazzjonijiet u korporazzjonijiet li issa huma mistennijin li jiġbru huma l-flus minn tariffi ġodda u ogħla, u ħlasijiet oħrajn. Fi ftit kliem, il-Gvern jinsab f’sitwazzjoni ekonomika diffiċli li naqqsitlu bil-kbir l-kapaċità tiegħu li jintroduċi miżuri effettivi u vitali biex jistimula l-ekonomija. Fir-rebbiegħa li għaddiet, il-Kummissjoni, meta kienet qie-għda twieġeb għall-Programm ta’ Stabilità mill-Gvern għas-sena 2009, qalet li “r-riskji li Malta twassal fuq xi wieħed mir-riskji li ħadet, huma għoljin”. Kienu ġenerużi magħna meta qalu hekk. Grazzi għal doża ta’ kontijiet kosmetiċi u aktar skemi ta’ darba, il-Gvern, bħal dejjem, jagħti l-impressjoni li d-defiċit huwa taħt kontroll. Fil-verità huwa ferm ovvju li l-Gvern Nazzjonalista ma jistax isarraf il-wegħdi tiegħu li jnaqqas id-dejn nazzjonali u kif ukoll d-defiċit tal-Baġit. Il-Ministru Fenech jgħidilna li tnaqqis fl-ekonomija Maltija jfisser li ċ-ċirkostanzi nbidlu minn meta f’Mejju li għadda l-Unjoni Ewropea ħadet id-deċiż-joni tagħha dwar id-defiċit eċ-ċessiv ta’ Malta. Il-verità hi li xejn ma nbidel ħlief il-mod tal-Ministru stess ta’ kif iħares lejn ir-realtà li ilha tħares fiss f’għajnejh it-triq kollha.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment