27.2.10

Koalizzjoni ta’ Nies Li Qegħdin f’Keffa Waħda

L-indirizz ta’ l-Ewroparlamentari Laburista, l-Professur Edward Scicluna, lid-delegati tal-Konferenza Ġenerali Annwali 2010


Inħossni onorat li qiegħed nerġa nindirizza din il-laqgħa tant importanti. Din id-darba bhala wieħed mir-rapprezentanti tagħkom fil-Parlament Ewropew. Il-mozzjoni li għandna quddiemna hija ferm aktar importanti milli wieħed jista’ jaħseb. Hija tmur għal qalba ta’ kif organizzazzjoni politika, li tgawdi l-appoġġ tal-maġġoranza tal-poplu tal-pajjiż, trid iġġedded ruħa u tikber għall-suċċessi akbar. Il-mod sempliċi kif naqraħa jien hi li bażikament l-istrutturi tal-bieraħ tal-Partit Laburista kienu tajbin għaċ-ċirkostanzi tal-bieraħ iżda llum hemm bżonn strutturi oħrajn ġodda biex jindirizzaw iċ-ċirkostanzi tal-lum. Strutturi li jinkludu l-mod kif naħsbuha u naġixxu. Biex nifhmu aħjar dan, irridu nistaqsu lilna nfusna aħna min aħna. Minn fejn ġejna. Fejn sejrin. Nafu lkoll li l-Partit Laburista twieled bħala risposta tal-ħaddiem u tal-batut għal partiti oħra ta’ dak iż-żmien li l-interess tagħhom kien tas-sinjur u tan-negozjant. Għal dawn il-partiti l-interess tal-ħaddiem żgur li ma kienx jidher fuq l-iscreen tar-radar tagħhom. Maż-żmien gvernijiet Laburisti irnexxielhom b’ħafna għaqal u bżulija jgħollu l-livell tal-ħajja tal-ħaddiem, bir-riżultat li ħafna minnhom bdew isibu ruħhom fil-klassi medja sew permezz ta’ dħul u pensjonijiet aħjar, xiri ta’ djar bi prezz baxx, kif ukoll il-professjonijiet li huma jew it-tfal tagħhom setgħu jipprattikaw permezz tal-edukazzjoni li nagħtatilhom. Ironikament pero ġara li jew il-partit laburista ma baqgħax jappella għall-dawn il-ħaddiema jew il-familja tagħhom, kif ukoll għaliex il-partit l-ieħor għaraf jilqagħhom miegħu qisu kien hemm minn dejjem. S’intendi t-tberbieq tal-flus bla rażan għin ħafna tul dawn is-snin biex kulħadd iħossu komdu u llupjat. Ir-riżultat ta’ dan l-istat ta’ fatt jafu kulħadd – medda sewwa ta’ snin bil-Partit Laburista fl-oppozizzjoni. Illum pero x’insibu? Insibu li l-klassi tal-ħaddiema, il-klassi medja u n-negozjanti, issa waqgħu f’keffa waħda u taħt madmad wieħed rifless f’tassazzjoni qawwija, b’piżijiet għoljin kawżati mill-istess djun kbar, inflazzjoni kompletament barra minn żmiena, ekonomija mfarrka, b’governanza xejn kontabbli u trasparenti u b’xamma kbira ta’ korruzzjoni. In-negozjant illum qed jinduna li l-għadu tiegħu mhuwiex aktar il-Partit tal-Ħaddiema, l-anqas l-unjon tal-ħaddiema, iżda hu l-favoritiżmu, it-taxxi u tariffi esaġerati, Il-korruzzjoni, in-nuqqas ta’ trasparenza u n-nuqqas ta’ kontabilità. Dan hu l-veru għadu li qed jipperikolalu l-għixien tiegħu u tal-familja, kif ukoll tal-impjegati tiegħu. Iżda llum kif għandu jħares il-ħaddiem lejn in-negozjant? Dak li fil-passat kien anke saħansitra seta għajru ħalliel. L-ewwelnet bħal ma l-ħaddiem irid jaqla l-għixien tiegħu, in-negozjant irid jaqla tiegħu u tan-nies li jimpjega. Il-profit hu l-mod li jirrendilu ritorn fuq l-investiment tiegħu. Dawk il-flus seta poġġihom il-bank iżda għazel li jissugrhom. Pero iktar minn hekk illum l-ekonomija tagħlimna li n-negozjant ma tikkontrollaħx billi toqgħod tippriedkalu ħalli tikkonvertiħ imma billi tikkontrollalu s-suq li jaħdem fih. Tagħmel dan billi tneħħilu l-monopolji u l-prattiċi ristrettivi. Neħħi jew ikkontrolla dawn u l-preżżijiet waħidhom isibu l-livelli ġust tagħhom. Huwa għalhekk nesiġu li jkollna Regolaturi ta’ stoffa, sew fl-ippjanar, fit-trasport u komunikazzjoni, u d-dawl u l-ilma. Dawn il-monopolji jekk ma nikkontrollawhomx ser jibqgħu jifnuna u jwaqqawna fl-għaks. Fi ftit kliem irridu strutturi tas-swieq li jinkoraġixxu l-kompetitivita’ u b’hekk jirrendu negozju ġust. In-negozju joħloq sew il-ġid u x-xogħol għall-kulħadd. Huwa f’dan l-isfond li rrid nifraħ bit-twaqqif ta’ Business Forum fi ħdan il-Partit Laburista (u hawnhekk insellem lil Marlene Mizzi u l-membri kollha fuq dan il-forum). Dan il-forum ser iwassal għal ftuħ ta’ djalogu mal-faxex kollha tas-settur tan-negozju, speċjalment is-self-employed u l-entrapriżi ż-żgħar Maltin u Għawdxin. Il-futur huwa tagħna lkoll. Ejjew ningħaqdu ħalli nibdew ħajja ġdida li tipprometti l-ġid għalina u għall-uliedna.

No comments:

Post a Comment