27.2.10

L-Unjoni Ewropea u d-drittijiet tal-bniedem: Każ tal-“karrotta” u l-“għasluġ”

www.l-orizzont.com - Il-Ħamis 18 ta' Frar 2010

Il-Parlament Ewropew qatt ma evita li jiddibatti dwar drittijiet umani jew żamm “fommu sieket” għax beża’, jew jibża’, li jista’ jweġġa lil xi ħadd. Id-difiża tad-drittijiet umani hi l-bażi fl-Unjoni Ewropea, maħluqa bi tweġiba għat-Tieni Gwerra Dinjija – biex ikun assigurat li l-popli Ewropej jirrisolvu d-differenzi politiċi tagħhom b’dis kussjonijiet f’kull livell u mhux billi joqtlu lil xulxin fi gwerer. Illum, sittin sena mit-Tieni Gwerra Dinjija, ir-ratifikar tat-Trattat ta’ Lisbona jfisser li l-liġijiet kollha Ewropej iridu jkunu konsistenti mal-libertajiet politici, demokratici u soċjali kif elenkati fiċ-Charter tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem. Aktar minn hekk, meta l-Parlament Ewropew jieħu pożizzjoni dwar is-sitwaz zjoni tad-drittijiet politiċi u umani f’xi pajjiż mhux membru tal-UE, il-pajjiż inkwistjoni jagħti widen. Il-Kumitat tal-Affarijiet Barranin tal-Parlament Ew ropew mhux kumitat leġislattiv, imma hu meqjus mill-gruppi politiċi kollha bħala ta’ importanza kbira, bir-riżultat li l-pożizzjoni li jieħu l-Parlament Ewropew tkun dikjarazzjoni ta’ pożizzjoni qawwija. Mezz ieħor li bih jaħdem il-Parlament Ewropew fi kwis tjonijiet ta’ drittijiet umani hu permezz ta’ delegazzjonijiet parlamentari. Hemm aktar minn 30 delegazzjoni li jservu ta’ ħolqa bejn il-Parlament Ewropew u l-pajjiżi mferrxin mad-dinja kollha, li jvarjaw minn Assemblej Parlamentari Konġunti bħal m’huma l-ACP, EUROMED u EUROLAT għal Kumitati Parlamentari Konġunti mwaqqfin b’riżultati ta’ ftehim ta’ assoċjazzjoni għal tkattir ta’ koperazzjoni. Hemm imbagħad ir-rwol ta’ osservaturi, speċjalment waqt l-elezzjonijiet f’xi wħud minn dawn il-pajjiżi. Dawn id-delegazzjonijiet jsegwu mill-qrib ħafna d-drittijiet umani. Fl-1991, delegazzjoni tal-Parlament Ewropew kienet l-ewwel waħda tax-xorta tagħha li qatt ingħatat il-permess li żżur it-Tibet. Hemmhekk tqajmu mistoqsijiet dwar ksur ta’ drittijiet umani. Każ simili kien dak li seħħ f’nofs is-Snin Disgħin, meta d-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-Relazzjonijiet mar-Repubbliki taċ-Ċentru tal-Asja ħadmet bis-sħiħ u għamlet kampanja qawwija biex il-Parlament Ewropew itawwal l-approvazzjoni għal ftehim ta’ ‘partnership’ u koperazzjoni mal-Kazakhistan u Uzbekistan, kampanja li wasslet biex inkisbu konċessjonijiet qabel mal-Parlament fl-1999 laqa’ ż-żewġ talbiet imsemmijin. Sadattant, l-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-EU, li tagħha jien membru, fl-2002 kienet ħassret il-ħames sessjoni tagħha kawża tal-fatt li fid-delegazzjoni ta’ Zimbabwe fl-ACP kien se jkun hemm żewġ Ministri li kienu miżmumin mill-Unjoni Ewropea milli jivvjaġġaw. L-Unjoni Ewropea kif tista’ tassigura b’mod effettiv li ‘l barra mill-fruntieri tagħha jkunu rispettati d-drittijiet umani? Hu ovvju, li l-“karrotta” ewlenija tal-Unjoni Ewropea hi l-prospett ta’ ftehim bilaterali għal kummerċ ħieles mal-akbar suq fid-dinja. Imma, fl-istess ħin, il-“karrotta” riflessa fis-suq tal-Unjoni Ewropea sservi wkoll ta’ “għasluġ” biex jistimula riforma. Id-djalogu flimkien mal-“karrota u l-għasluġ” ekonomiku hu l-mod li ħadem bih s’issa l-Parlament Ewropew biex jikseb riżultat. L-akbar każ tal-“karrotta u l-għasluġ” huwa dak li jirrelata għad-dibatittu li għadu għaddej dwar Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u Iżrael. Bħal fil-każ ta’ Malta, l-Unjoni Ewropea hi l-akbar importatur ta’ prodotti minn Iżrael, u t-tieni l-akbar esportatur lejn Iżrael. Fis-sena 2006 in-negozju bejn l-Unjoni Ewropea u Iżrael kien jammonta għal 23.5 biljun Ewro. Għal dawn l-aħħar snin l-Unjoni Ewropea rreżistiet talbiet minn Iżrael biex jogħla l-livell ta’ relazzjonijiet bejniethom, bl-Unjoni Ewropea titlob li qabel isir dan irid ikun hemm progress min-naħa ta’ Iżrael fejn jikkonċerna l-konflitt Iżraeli-Palestinjan. Riċentement fil-Parlament Ewropew kienu dibatituti r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tunezija, dibattitu profond, imma wkoll riskjuż, li jista’ jkollu konsegwenzi fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija. Kif irrimarkajt fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew, id-dibattitu sar barra minn ħinu – fl-istess ħin li Parlamentari Tuneżini kienu qegħdin iżuru l-Parlament Ewropew, li bla dubju ħassewhom imbarazzati – b’uħud mill-kelliema jikkundannaw lill-Gvern Tunezin dwar kwistjonijiet li għandu mas-soċjetà ċivili. L-Unjoni Ewropea hi l-akbar sieħeb kummerċjali li għandha t-Tuneżija, konsistenti f’madwar 70% tal-importazzjoni Tuneżina (€9.5 biljun) u 75% tal-esportazzjoni Tuneżina (€9.9 biljun), żewġ ċifri li t-tnejn żdiedu b’mod sinifikattiv fis-snin li għaddew. Prova li t-Tunezija hi sieħeb mal-Unjoni Ewropea, toħroġ mill-fatt li meta fis-sena 2008 tneħħew it-tariffi fuq prodotti industrijali, it-Tuneżija kienet ukoll l-ewwel pajjiż Mediterranju li daħal fi ftehim ta’ kummerċ ħieles mal-Unjoni Ewropea. Waqt li kien għaddej dan kollu, riċentement kien hemm ħafna aktar sinjali ta’ titjib fid-djalogu bejn it-Tuneżija u l-Unjoni Ewropea kemm fuq livell ta’ Kummissjoni kif ukoll ta Parlament. Id-djalogu mal-Kummissjoni kien jinkludi l-ipprogrammar ta’ ħafna laqgħat ta’ sotto-kumitati fil-qafas tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Tuneżija-Unjoni Ewropea (nkluż s-Sotto Kumitat dwar id-Drittijiet Umani u d-Demokrazija) filwaqt li d-djalogu fuq livell ta’ Parlament Ewropew kien rifless fiż-żjara riċenti fi Brussels ta’ delegazzjoni importanti ta’ Parlamentari Tuneżini li kienet magħmula minn rappre żentanti tal-erba’ partiti politiċi rappreżentati fil-Kamra tad-Deputati Tuneżna, kif ukoll bil-laqgħa Interparlamentari Tuneżija–Unjoni Ewropea li għandha ssir f’Marzu li ġej fi Brussels. Ma jagħmel ebda sens li tkun kritikata u iżolata t-Tuneżija meta hu evidenti li sar progress f’ħafna sferi f’dan il-pajjiż. Li tikkawża imbarazzament politiku bla qliegħ tanġibbli jista’ jagħti lil xi Parlamentari Ewropej xi sens ta’ superjorità morali, imma tagħmel ftit ferm biex ittejjeb l-istatus tal-poplu Tuneżin. Ejjew nassiguraw li t-Tuneżija u pajjiżi oħrajn mhux membri tal-Unjoni Ewropea jikkonformu mal-livelli Ewopej fl-oqsma ekonomiċi, soċjali, politiċi u ta’ drittijiet umani. U ejjew nużaw il-mod tal-“karrotta” u l-“għasluġ” biex nassiguraw li t-transizzjoni lejn demokrazija funzjonabbli b’aktar minn partit wieħed tkun ġenwina. Imma ejjew nagħmlu dan bi djalogu ppjanat tajjeb u strutturat. L-ingranagg tar-riforma qiegħed jaħdem. Ejjew inħalluh jaħdem mingħajr tfixkil bla bżonn.

No comments:

Post a Comment