17.5.10

It-tmiem jew il-bidu ta’ ugigħ ir-ras?

www.l-orizzont.com - Il-Ġimgħa, 16 ta' April, 2010

Bil-Greċja fi kriżi finanzjarja kbira li ggravat minn jum għall-ieħor u li magħha bdiet tiġbed liż-Żona Ewro kollha filwaqt li tħalli impatt fuq il-munita ewro nnifisha, is-“sejbien ta’ triq” għal għajnuna lill-Greċja tqis minn bosta bħala raġġ ta’ tama.

Anke jekk bħal kull kompromess politiku ieħor il-ftehim li waslu għalih is-16-il pajjiż membru taż-Żona Ewro huwa mimli twissijiet, imperfezzjonijiet u inċertezzi.

Fil-verità, il-ftehim milħuq x’ifisser eżatt għaż-Żona Ewro? Ifisser li l-uġigħ ta’ ras għaż-Żona Ewro għadda? Jew ifisser li dan l-uġigħ ta’ ras għadu kemm beda?

Potenzjalment il-ftehim milħuq jista’ jkun ifisser għajnuna ta’ 30 biljun ewro lill-Greċja bis-sehem tas-16-il pajjiż taż-Żona Ewro u tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF).

Filwaqt li n-naħa taż-Żona Ewro tikkordina bejnietha self ta’ 20 biljun ewro, allura żewġ terzi tal-pakkett, l-IMF tagħmel tajjeb għat-terz l-ieħor, 10 biljun ewro.

L-involviment tal-IMF fisser nuqqas ta’ qbil bejn l-aktar żewġ pajjiżi influwenti fiż-Żona Ewro, il-Ġermanja u Franza.

Franza, u mhux waħedha, dejjem emmnet u sostniet li ż-Żona Ewro għandha tħares lilha nnifisha mingħajr il-ħtieġa ta’ involviment estranju, bħalma hu l-IMF.

Mhux hekk taħseb il-Ġermanja. L-opinjoni pubblika fil-Ġermanja kienet ċara: m’għandhomx jintużaw fondi Ġermaniżi biex jgħinu lill-Greċja. L-involviment Ġer maniż f’dan il-pjan ta’ għajnuna lill-Greċja jista’ jkun ifisser li l-Kanċillier Angela Merkel ikollha tħallas prezz politiku talli marret kontra l-opinjoni pubblika.

Frankament ma naħsibx li dan il-ftehim ifisser li l-Greċja nħarġet mill-problema. Hemm differenza bejn li toħroġ lil xi ħadd minn problema u li tistabbilixxi għodda li permezz tagħha tipprovdi għajnuna finanzjarja temporanja.

Fil-verità l-partijiet kollha – il-President Van Rompuy; il-Prim Ministru Grieg George Papandreou; il-President Franċiż Nikolas Sarkozy u l-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel – kienu ddikjaraw li ma jixtiequx li din l-għodda tintuża.

Anzi. Jemmnu li l-fatt li jkun magħruf li hemm min hu lest jieqaf mal-Greċja għandu minnu nnifsu jservi biex tonqos l-ispiża fuq is-self mill-Greċja.

Fi kliem ieħor dan mhux ftehim li joħroġ lill-Greċja mill-problema, imma huwa forma ta’ garanzija lis-swieq finanzjarji li ż-Żona Ewro mhix se tabbanduna lil xi pajjiż membru tagħha.

Huwa wkoll sforz biex tkun stabbilizzata l-munita ewro, li f’dawn l-aħħar tliet xhur waqgħet b’madwar 7% meta pparagunata mad-Dollaru Amerikan.

Ħadd m’għandu jinsa li l-problema Griega mhix biss ir-riżultat ta’ kriżi fiskali, imma wkoll riżultat ta’ kriżi ta’ kompetittività. Id-defiċit fil-baġit tal-Greċja huwa ta’ 13% li miegħu hemm żieda ta’ 35% fl-ispiża ta’ produzzjoni jekk ipparagunat mal-Ġermanja u 60% jekk ipparagunat mal-Istati Uniti f’dawn l-aħħar għaxar snin. Biex il-finanzi Griegi jkunu sostenibbli jridu jkunu kkoreġuti dawn iż-żewġ punti.

Fil-verità l-Gvern Grieg irid ikompli bil-progress tiegħu li jikkorreġi d-defiċit. Irid jilħaq il-mira tiegħu li għal din is-sena d-defiċit ikun qatgħu bi 3% flimkien ma’ implimentazzjoni ta’ riformi biex itejjeb il-flessibiltà tas-swieq tax-xogħol u t-tiġ did.

Jekk il-Greċja mhux se tkun f’pożizzjoni li tikkonvinċi lis-swieq finanzjarji li qiegħda taġixxi b’serjetà, allura l-wegħdi ta’ self u garanziji miż-Żona Ewro u l-IMF mhux se jkunu jiswew il-karta li nkitbu fuqhom, bil-pożizzjoni tal-Greċja fiż-Żona Ewro tibqa’ waħda fraġġli.

Sadanittant il-premium fuq is-sogru jinqasam bejn il-pajjiżi membri taż-Żona Ew ro.

Madankollu jkun żbaljat jekk il-problemi taż-Żona Ewro jitpoġġew wara bieb il-Greċja. L-istat sfortunat li tinsab fih il-Greċja huwa sintomu ta’ mard akbar fl-ekonomija Ewropea fejn żbilanċi kbar fil-politika fiskali u l-kompetittività ħolqu żewġ klassijiet ta’ pajjiżi fiż-Żona Ewro.

Għandek il-grupp tal-pajjiżi dixxiplinati fejn tidħol politika fiskali, bħalma hija l-Ġermanja u l-pajjiżi Nordiċi u għandek il-grupp tal-pajjiżi, bħal Spanja, il-Portugall, l-Italja u l-Greċja fejn tali dixxiplina hija ferm laxka. Fil-jiem li għaddew dak li jissejjaħ ‘credit rating’ tal-Portugall tniżżel minn AA għal AA-, filwaqt li huwa vulnerabbli wkoll dak ta’ Spanja.

Din il-qasma wasslet biex fl-aħħar summit tal-Mexxejja tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, il-President Franċiż u l-Kanċillier Ġermaniża jitolbu għall-governanza ekonomika ġdida fl-Ewropa.

Dan id-dibattitu joħloq qasma politika oħra. Waqt li l-Ġermaniżi jħarsu lejn governanza ekonomika bħala mezz biex ikun hemm sorveljanza aħjar fuq l-ekonomiji ta’ pajjiżi bħalma hija l-Ġreċja, li ma kellhiex aġenzija tal-istatistika indipendenti, għall- President Frranċiż u oħrajn dan il-kunċett ifisser xi ħaġa aktar politika.

Skont id-diskussjonijiet li qed ikollna fil-Parlament Ewropew jidher li d-dettalji dwar kif irid jitħaddem il-pjan finanzjarju tal-Unjoni Ewropea għall-Greċja għad iridu jkunu maqbula, waqt li d-dibattitu dwar il-governanza ekonomika tal-Unjoni Ekonomika għadu kemm kemm beda.

No comments:

Post a Comment