www.l-orizzont.com - It-Tnejn, 10 ta' Mejju, 2010
BĦAL-LUM ġimgħa tħabbar li l-Unjoni Ewropea approvat pakkett ta’ għajnuna finanzjarja lill-Greċja biex tgħinha toħroġ bil-mod il-mod mill-kriżi ekonomika li tinsab fiha. Pakkett ta’ €110 biljun mifrux fuq tliet snin.
Dak li seħħ fit-toroq tal-Greċja mhux biss qabel bħal-lum ġimgħa, imma anke tul il-ġimgħa li għaddiet, juri li dan il-pakkett ma niżel tajjeb xejn mal-poplu Grieg. Anzi, il-poplu Grieg mhux qed jaċċetta l-parti l-oħra tal-pakkett, il-parti li trid tikkumplimenta l-parti finanzjarja “barranija”, il-parti li jrid jagħmel tajjeb għaliha hu b’sagrifiċċji kbar immens.
Huwa għalhekk li jien tal-fehma li “l-istorja Griega għadha tibda”. U għadha tibda mhux biss fil-konfront tal-Greċja, imma wkoll fil-konfront tal-Unjoni Ewropea nnifisha, partikolarment fejn jikkonċerna t-Trattat ta’ Lisbona. Sadanittant, kellu jittieħed daqstant żmien biex tfassal il-pakkett t’għajnuna?
Nittrattawhom punt punt. Il-pakkett ta’ €110 biljun se jissostanzjawh pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, taż-Żona Ewro, u l-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF), b’tal-ewwel joħorġu €80 biljun u l-IMF €30 biljun.
Pakkett li qiegħed hemm għad-dispożizzjoni tal-Greċja. Dan bil-għan li jkunu kkalmati s-swieq finanzjarji. Mingħajru l-Greċja ma kinitx se ssib min isellifha u jekk issib, l-imgħax ikun għoli ħafna għax ir-riskju huwa għoli ħafna wkoll.
X’inhi n-naħa l-oħra tal-pakkett? Dak li qed jitlob il-pakkett min-naħa tal-Greċja huwa programm ta’ awsteri tà. Awsterità f’livell ta’ sagrifiċċji kbar mill-poplu Grieg li għadu qatt ma kien hemm bħalhom fl-Unjoni Ewropea. Il-poplu Grieg mhux imdorri jagħmel dawn il-forom ta’ sagrifiċċji. Sagrifiċċji li forsi jkunu aċċettati fi stat ta’ gwerra. Imma mhux fi żmien ta’ paċi u aktar u aktar, għax hekk qed jikkmanda ħaddiehor, l-UE u l-IMF.
Imma anke jekk il-poplu Grieg finalment ikollu jaċċetta u jkollu jagħmel is-sagrifiċċji, il-ġudizzju personali tiegħi hu li l-ekonomija Griega se taqa’ f’riċessjoni kbira.
Il-konsegwenza ta’ dan hija li allura mhux se tkun biżżejjed biex tgħin jinġabru t-taxxi biex jirnexxielha toħroġ minn din il-kriżi. Tali ġudizzju huwa rifless ukoll fil-mod li bih qegħdin jaġixxu s-swieq finanzjarji u r-‘rating agencies’. Ma tlumhomx. Aktar u aktar meta jkollhom xamma li flushom mhux se joħduhom lura.
It-tieni punt. Kellu jittieħed daqstant żmien biex l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, bħalma huma l-Kunsill tal-Ministri, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kummissjoni nnifisha, jaslu fi ftehim dwar kif u b’kemm għandha tkun mgħejjuna l-Greċja?
Wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-aktar li se tikkontribwixxi għal dan il-pakkett t’għajnuna hija l-Ġermanja. Ma rridux ninsew lanqas li mat-twaqqif tal-ewro, l-pajjiżi taż-Żona Ewro kellhom jieqfu milli jkollhom il-munita tagħhom. Hekk għamlet il-Ġermanja. “Tilfet” il-Mark Ġermaniż, munita li kienet fost l-aktar b’saħħithom. Minn dakinhar deher ix-xettiċiżmu Ġermaniż dwar kemm kienu se jkunu fl-istess livelli wħud mill-pajjiżi li riedu jidħlu u daħlu, fiż-Żona Ewro. Il-Ġermaniżi kienu xettiċi għax diversi huma dawk il-pajjiżi Mediterranji li daħlu fiż-Żona Ewro u komplew bl-istess stil ta’ ħajja, fejn jonfqu aktar milli jdaħħlu. Meta dawn il-pajjiżi kienu għal rashom kienu jbenġlu s-sitwazzjoni billi jiżva lutaw il-munita tagħhom, joħolqu ftit inflazzjoni u jmexxu.
Il-Ġermaniżi kienu xettiċi kemm pajjiżi bħal dawn kienu se jkunu kapaċi jiddixxiplinaw lilhom infushom u jżommu l-inflazzjoni baxxa. Twaqqaf il-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir li kien immirat li jagħmel dan permezz ta’ miri fir-rigward tad-dejn u tad-defiċits. Però nafu li dan kien dgħajjef fil-konfront ta’ min mar ’l hinn mill-miri.
Imma issa s-sitwazzjoni hi li hi. Membru tal-familja, taż-Żona Ewro, jinsab fl-inkwiet. X’tagħmel? Tħallih jegħreq? Tħalli l-“marda” tinfirex f’pajjiżi membri oħrajn, bħal Spanja, l-Portugall, l-Italja, l-Ingilterra, l-Irlanda? Le, imma lanqas kellu jfisser li qisu ma ġara xejn. Int tiddejjen u jien inħallas.
Kien għalhekk li l-Ġermanja, meqjus il-fatt li se tkun hi li toħroġ l-aktar għall-pakkett ta’ għajnuna, insistiet li jiddaħlu miżuri ta’ awsterità fil-Greċja. Għax jekk le, mhux biss jintilfu l-flus, imma tisfaxxa ż-Żona Ewro. Din hi l-akbar sfida li qatt rat iż-Żona Ewro sa mit-twaqqif tagħha.
It-tielet punt. It-Trattat ta’ Lisbona. Trattat li nafu kemm dam ma twieled. Trattat, li għax kien jaħseb li setgħet tinqala’ sitwazzjoni bħal din, ħaseb għal deterrent. Jispeċifika li huwa projbit li pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea, jew l-Unjoni Ewropea, jgħinu pajjiż li jaqa’ fi kriżi. It-Trattat ta’ Lisbona ma riedx li jkun hemm xi forma ta’ garanzija awtomatika u li b’hekk toħloq periklu morali, dak li l-Inglizi jsejħulu ‘moral hazard’.
Imma issa l-ħaġa saret. Il-konsegwenza hija li t-Trattat ta’ Lisbona jrid jiġi revedut. Fil-fatt l-UE dal waqt issejjaħ Konferenza Intergovernattiva biex fost l-oħrajn tara kif ’il quddiem din il-kriżi tal-lum tiġi evitata u jekk meta tinqala’ jkun hemm istituzzjonijiet u proċeduri f’posthom biex tissolva ruħha mingħajr biża’ li tgħerreq magħha liż-Żona Ewro.
Dan se jwassal għal mod ġdid kif iż-Żona Ewro trid tmexxi lilha nnifisha. Hemm min se jipprova t-triq jew sqaq tal-federaliżmu. Min hu l-aktar pragmatiku jfittex toroq oħrajn.
Żgur però li “l-istorja Griega għadha tibda”.
Il-qgħad fl-UE
Sa Marzu li għadda ċ-ċifra tal-qgħad fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea kienet tammonta għal aktar minn 23 miljun. F’termini perċentwali dan l-ammont jirrifletti 9.6%, l-istess perċentwali tax-xahar ta’ qabel.
Il-varjazzjoni bejn il-pajjiżi membri bl-inqas nies qiegħda u dawk bl-ogħla persentaġġi hija waħda sostanzjali.
Filwaqt li fl-Olanda u l-Awstrija r-rata tal-qgħad hija 4.1% u 4.9% rispettivament, dawk tal-Latvja u Spanja huma 23.3% u 19.1% rispettivament.
Ikomparat mal-istess żmien is-sena l-oħra, kienet il-Ġermanja biss li rat żidiet fin-numru ta’ nies jaħdmu, bil-Gvern joffri sussidji lill-kumpaniji biex titnaqqas il-ġimgħa tax-xogħol.
Il-qgħad fil-Ġermanja niżel minn 7.4% għal 7.3%. Fuq in-naħa l-oħra, il-Latvja rat żieda ta’ tmien punti perċentwali fir-rata tal-qgħad, minn 14.3% għal 22.3%.
Ir-rata tal-inflazzjoni f’April li għadda kienet ta’ 1.5% ikkomparat ma’ 1.4% ix-xahar ta’ qabel. Sadanittant il-Konfederazzjoni tat-Trejdunjins Ewropej (ETUC) hija nkwetata dwar dak li jikkonċerna l-impjiegi għaż-żgħażagħ.
L-ETUC qiegħda tinsisti li l-impjiegi għaż-żgħażagħ għandhom ikunu fin-naħa ta’ fuq tal-prijoritajiet f’kull pjan li jista’ jsir biex tkun irkuprata s-sitwazzjoni fil-pajjiżi tal-UE.
Sodisfazzjon ieħor
Bhal-lum ġimgħa semmejt l-artiklu tiegħi “Sodisfazzjon”. Semmejtu hekk għax kien hemm pass fid-direzzjoni t-tajba wara li l-Enemalta ddeċidiet li ma taqtax id-dawl ta’ wħud mill-familji vulnerabbli li ma jkunux jistgħu jħallsu l-kontijiet tad-dawl u tal-ilma.
Nhar il-Ġimgħa tal-ġimgħa l-oħra kelli “Sodisfazzjon” ieħor. Kont mistieden “niddibatti” ma’ studenti minn diversi skejjel Maltin f’dibattitu Parlamentari fil-Kamra tad-Deputati fl-okkażjoni ta’ Jum l-Ewropa. Fuq “in-naħa tiegħi” kien hemm ukoll Deputati kemm tal-Gvern kif ukoll tal-Oppożizzjoni. It-tema tad-dibattitu mal-istudenti kienet “Is-Sena 2010 – Is-sena Ewropea għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali”.
Nistqarr li l-argumenti li ppreżentaw is-sitt studenti parteċipanti kienu argumenti studjati u riċerkati sewwa. Argumenti li jnisslu fik fiduċja u sodisfazzjon għal kontributi bħal dawk li smajna.
Prosit!
17.5.10
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment