17.5.10

Taxxa globali…għad narawha?

www.l-orizzont.com - L-Erbgħa, 7 ta' April, 2010

Diversi huma l-problemi kbar li qiegħda tħabbat wiċċha magħhom id-dinja. Hemm problemi li ilhom magħna, u huwa għajb li għadhom magħna, bħalma huwa l-faqar fost il-pajjiżi, u hemm problemi li tista’ ssejħilhom riċenti, bħalma huma dawk maħluqin mit-tibdil fil-klima. U hemm problemi li donnhom għandhom ċiklu, li jolqtuna kull tant żmien, bħalma hija l-kriżi finanzjarja, li din id-darba kienet waħda internazzjonali, u li l-effetti severi tagħha varjaw minn pajjiż għal ieħor, skont kemm il-pajjiż kellu riżorsi biex jilqagħlha.

“Pakkett problemi” li sab ruħu fl-iskaluni ta’ fuq nett tal-aġenda internazzjonali, preċiżament quddiem il-grupp magħruf bħala l-G20, li bħala grupp irid jara kif se jilqa’ għal dan kollu, b’mod partikolari biex jissalvagwardja l-ekonomija globali, u allura lill-pajjiżi kollha milquta. Fil-ġimgħat li għaddew bdejna naraw u niddiskutu f’livell ta’ Parlament Ewropew, proposti ta’ salvagwardja. Proposti li finalment bħal kull assiguraz zjoni jfissru finanzjament, u allura kif se jinġabru l-finanzi meħtieġa.

Proposta fuq dawn il-linji hija l-ħolqien ta’ taxxa fuq transazzjonijiet finanzjarji. Issa ilu numru ta’ ġimgħat sew li l-Parlament Ewropew, imlaqqa’ fi Strasbourg, iddibatta u adotta riżoluzzjoni li ressaq il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (ECON) li tat in-nifs lill-Unjoni Ewropea biex tiftiehem fuq pożizzjoni komuni dwar il-kwistjoni u tinnegozja mal-pajjiżi tal-G20 u mexxejja internazzjonali oħrajn, u biex il-Kummissjoni tħejji studju dwar l-impatt ta’ taxxa globali fuq transazzjonijiet finanzjarji, meqjusin il-vantaġġi u żvantaġġi potenzjali ta’ taxxa bħal din.

Kien il-kompitu tiegħi bħala Viċi-Ċermen tal-ECON li nressaq il-mozzjoni u mmexxi d-dibattitu Parlamentari dwarha. Fakkart kif 40 sena ilu, bħala student, parti mid-diskussjoni dwar l-Ordni Ekonomiku Internazzjonali Ġdid kienet dwar kif, dawk li kienu jissejħu SDRs (Special Drawing Rights), issirilhom xi forma ta’ taxxa fuqhom, imħallsa mill-gvernijiet, biex il-flus minnha jintużaw għall-programmi ta’ żvilupp f’pajjiżi fqar. Huwa fatt magħruf li dan il-ħsieb ma mmaterjalizzax.

Jista’ jkun li llum, b’riżultat tal-globalizzazzjoni, flimkien ma’ avvanzi teknoloġiċi u rieda politika akbar, ċerti pjani huma aktar fattibbli. Fl-istess ħin irid jingħad li żdiedet ukoll sewwa l-kompetittività fost l-għanijiet globali. Għalhekk wieħed irid joqgħod attent.

Hemm dik li tissejjaħ Tobin Tax, li taħseb għall-użu ta’ taxxa żgħira fuq transazzjonijiet finanzjarji, li d-dħul minnha jmur għal għajnuna ta’ żvilupp. F’Set tembru li għadda, fil-laqgħa tal-G20, kien hemm mexxejja politiċi li riedu li s-settur finanzjarju jħallas għal twaqqif ta’ fond ta’ stabilità u jipprovdi kumpens għall-ħsarat ikkawżati mill-kriżi finanzjarji lill-ekonomija dinjija.

Sadattant il-President tal-Unjoni Ewropea, Jose Manuel Barroso, issuġġerixxa l-introduzzjoni ta’ taxxa globali biex tiffinanzja proġetti ambjentali.

Dan kollu jeħodna lura għall-“pakkett problemi” li bdejt bih din il-kitba. Il-mistoq sija naturali hija: nistgħu verament nużaw taxxa waħda biex nilħqu dawn l-għanijiet differenti u f’daqqa?

Bħal kull munita oħra, din il-munita għandha żewġ uċuh. Hemm argumenti sodi favur taxxa fuq transazzjonijiet finanzjarji, u hemm riservi u mistoqsijiet daqstant ieħor sodi dwar kif jistgħu jinġabru l-fondi minn dawn it-taxxi; jekk l-ispiża tal-implimentazzjoni hux se tkun akbar mid-dħul innifsu; u min se jiddeċiedi kif jintużaw il-fondi miġburin.

Huwa eżattament għalhekk li r-riżoluzzjoni tal-ECON titlob għal studju dwar l-impatt minn tali taxxa proposta (li se jsir mill-IMF) biex ikunu jistgħu jitwieġbu numru sostanzjali ta’ mistoqsijiet.

Mistoqsijiet bħal kemm potenzjalment jista’ jkun id-dħul minn taxxa bħal din; x’effett ikollu fuq il-livell tal-prezzijiet; x’kienu l-esper jenzi minn taxxi simili preċedenti fejn jirrigwarda evitar ta’ ħlas ta’ taxxa u ċaqliq ta’ kapital jew servizzi; jekk taxxa tgħinx biex ikunu stabilizzati s-swieq finanzjarji; u, forsi l-aktar punt kruċjali, il-benefiċċji u l-iżvantaġġi li taxxa bħal din tkun stabbilita mill-Unjoni Ewropea waħed ha.

Fl-opinjoni tiegħi biex taxxa bħal din tkun effettiva jrid ikollha l-appoġġ tal-Istati Uniti u mexxejja oħrajn tal-G20 u mhux jekk titħaddem mill-Unjoni Ewropea waħedha.

Nemmen li f’livell ta’ Unjoni Ewropea għandna nevitaw li nadottaw xi ħaġa li tnaqqas il-kompetittività tagħna jew li xxekkel l-investiment, l-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku. Ninsab imħasseb dwar il-fatt li finalment se jkun il-konsumatur li jkollu jagħmel tajjeb għall-ispiża tal-implimentazzjoni ta’ dak propost.

Jekk ma noqogħdux attenti, kull attentat biex nintaxxaw lill-banek jista’ jkun ifisser xejn iżjed minn taxxa oħra li trid titħallas mill-konsumatur.

Qabel naħsbu biex nikkonsidraw bis-serjetà l-implimentazzjoni ta’ taxxa fuq transazzjonijiet finanzjarji, għandu jkollna tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet kollha. Għandu wkoll ikun deċiż b’mod speċifiku x’se jkun l-għan li għalih jintużaw il-fondi miġburin.

Iffaċċjati minn ħafna għanijiet, għandna nenfasizzaw li kull għan għandu jkun trattat separatament u jagħmel użu minn strument wieħed għalih. Dan huwa prinċipju kardinali li nenfasizzaw fl-ekonomija.

Taxxa globali fuq transazzjonijiet finanzjarji tista’ tirnexxi biss jekk tkun iffokata, fattibbli, u jkollha appoġġ internazzjonali wiesgħa, u mhux jekk tittanta tkun l-affarijiet kollha f’daqqa għal kulħadd f’daqqa.

No comments:

Post a Comment