17.5.10

Sodisfazzjon

www.l-orizzont.com - It-Tnejn, 3 ta' Mejju, 2010

RAPPORT imxandar fil-ġurnal KullĦadd tal-Ħadd, 25 ta’ April, 2010, intitolat “Mhumiex se jispiċċaw bid-dawl maqtugħ” kien għalija bħal żiffa ħelwa f’ġurnata sħuna tas-sajf Malti. Rapport li nissilli sodisfazzjon, anke jekk dan jista’ jkun akbar.

Sodisfazzjon għax jirrifletti ċaqliq, anke jekk żgħir, favur dawk il-familji vulnerabbli li kienu fil-periklu li jistgħu jispiċċaw mingħajr provvista tal-elettriku għax ma jkunux ħallsu kontijiet pendenti li għandhom mal-Korporazzjoni EneMalta.

Sodisfazzjon għax dawn il-familji huma parti minn dik il-kategorija tal-poplu li fuqha bbażajt Mistoqsija Parlamentari f’Marzu li għadda lill-Kummissjoni Ewropea għax jien tal-fehma li dak li kien qed isir fil-konfront ta’ din il-kategorija ta’ familji jmur kontra Direttiva specifika tal-Unjoni Ewropea, li tipprojbixxi eżattament dan.

Skont ma ħabbar il-ġurnal KullHadd dawk il-pensjonanti li għandhom minn 65 sena ’l fuq mhumiex se jispiċċaw bis-servizz tal-elettriku maqtugħ jekk jaqgħu lura fil-ħlas tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Barra dan, minn issa ’l quddiem, is-servizz tal-elettriku mhuwiex se jinqata’ f’każ li l-arretrati tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma ma jkunux jeċċedu s-somma ta’ €1,000.

Il-qtugħ tas-servizz tal-elettriku, speċjalment lil familji vulnerabbli, familji li jkunu jiddependu għall-għixien tagħhom primarjament mill-benefiċċji soċjali, hija miżura ħarxa u kundannabbli għall-aħħar.

U biex ikompli jitwaddab il-melħ fuq il-ferita, il-qtugħ tas-servizz tal-elettriku jġorr miegħu ħlas ta’ €70 u trid tħallas €70 oħra biex terġa’ tingħata s-servizz.

Tista’ timmaġina xi jfissru €140 għal familja li ma kellhiex dawn il-flus disponibbli għaliha biex taqta’ parti mill-kontijiet pendenti li għandha mal-Korporazzjoni Enemalta.

Matul l-ewwel għaxar xhur tas-sena li għaddiet, u allura qabel ma ddaħħlu t-tariffi l-ġodda tad-dawl u l-ilma, il-Korporazzjoni Enemalta qatgħet is-servizz tad-dawl lil 2,148 familja u lil 459 negozju għax waqgħu lura fil-ħlasijiet tal-kontijiet tagħhom.

Huwa fatt innegabbli li l-pensjonant qed iħoss ħafna dan il-piż. Qed jiżdied in-numru ta’ pensjonanti li qed jispiċċaw “bil-pitazz tad-dejn” u jħallsu ammont kull xahar. Qiegħdin joħduna lura għall-ħamsinijiet meta ħafna familji kien ikollhom “il-pitazz tad-dejn” ma’ tal-merċa.

Din is-sitwazzjoni hija konfermata b’mod uffiċjali. Skont statistika provduta fil-Parlament mill-Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech matul is-sena li għaddiet kien hemm 382 pensjonant ta’ ’l fuq minn 61 sena li daħlu fi ftehim ma’ ARMS Ltd biex iħallsu kontijiet tad-dawl u l-ilma li għandhom pendenti. Ma’ dawn kien hemm 2,727 residenzi oħrajn li daħlu fi ftehim simili.

Iċ-ċifri għall-ewwel tliet xhur u nofs ta’ din is-sena ma tantx jawguraw li s-sitwazzjoni se titjieb. Anzi jindikaw li s-sitwazzjoni se teħżien, għax issa se jkunu qegħdin jitħaddmu t-tariffi l-ġodda, li huma ferm ogħla minn tas-sena l-oħra. Fil-fatt s’issa, f’inqas minn erba’ xhur, diġa’ kien hemm 395 pensjonant li daħlu fi ftehim bħal dan u kien hemm 1,774 residenzi oħrajn.

Huwa minnu li dejjem aħjar milli jispiċċaw mingħajr servizz elettriku. Imma jibqa’ l-fatt li kull erba’ ġimgħat, il-pensjonant irid iwarrab parti mill-pensjoni, parti li tista’ tkun sostanzjali biex ikun assigurat li f’daru jkollu bozza tixgħel, ‘fridge’ fejn iżomm ikel u ħalib, magna tal-ħasil u biex jara ftit televiżjoni.

Ċertament li dan mhux lussu anzi neċessita`.

No comments:

Post a Comment