www.l-orizzont.com - It-Tnejn, 17 ta' Mejju, 2010
Kmieni l-ġimgħa l-oħra l-kumpanija Awstrijaka li tmexxi l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA) ħabbret li l-irmied tal-vulkan Iżlandiż fisser telf ta’ 35,000 passiġġier għall-MIA. Wieħed jista’ jimmaġina x’tilfu ajruporti internazzjonali oħrajn ferm u ferm akbar minn tagħna. U waqt li l-MIA kienet qed tħabbar dan, il-vulkan reġa’ żbroffa, b’diversi ajruporti jerġgħu jingħalqu bil-konsegwenza li reġgħu ġew ikkanċellati numru kbir ta’ titjiriet, fosthom anke minn u lejn Malta.
L-aħħar żbroff tal-vulkan Iżlandiż reġa’ qajjem l-irwiefen fi ħdan l-Unjoni Ewropea. L-ispazju tal-ajru hu qasam fejn kull pajjiż jimxi u jadotta legislazzjoni individwali, anke jekk deċiżjoni li jieħu pajjiż A tista’, u fil-fatt taffettwa, lill-pajjiż B.
L-istati membri tal-Unjoni Ewropea ilhom għal snin twal iżommu lura milli jikkonċedu parti mis-sovranità tal-ispazju tal-ajru tagħhom bil-għan li l-ispazju tal-ajru jkun integrat u jitmexxa minn regolatur wieħed. Fin-nuqqas ta’ dan, malli l-vulkan beda joħloq il-problemi li ħoloq, il-Kummissjoni Ewropea sabet ruħha pparalizzata meta ffaċċjata bid-diżordni li żviluppat. Ħafna huma tal-opinjoni li kieku l-ispazju tal-ajru kien taħt il-kontroll ta’ regolatur wieħed il-problema kienet tkun trattata b’mod aktar effiċjenti.
F’sitwazzjoni bħal dik maħluqa mill-vulkan Iżlandiż, l-inċertezzi jridu jissarfu f’riskji kwantitattivi. Xi ħaġa li tkun trid titħalla f’idejn l-esperti biex jiġbru u jipproċessaw informazzjoni xjentifika, bħalma hu r-riskju kkawżat mill-irmied, l-irjieħat, it-temperatura u l-vijabilità tal-magni tal-ajruplani. Id-deċiżjonijiet imbagħad jittieħdu abbażi ta’ dak li jaslu għalih, meqjusin ir-riskji tal-għeluq tal-ajruporti paragunati mar-riskji li taħdem normali.
U hawn tqum il-mistoqsija li qegħdin jagħmlu, u għamlu, bosta. Jekk tali proċess hu xjentifiku, għaliex iwassal għal konklużjonijiet differenti? Għaliex kien hemm kumpaniji tal-ajru li waslu għall-konklużjoni li ma kienx hemm periklu li jtiru waqt li oħrajn ma qablux? Għaliex kien hemm pajjiżi membri li fetħu l-ispazju tal-ajru tagħhom u oħrajn le? Kien l-element finanzjarju li wassal għal ċerti deċiżjonijiet? Għax għalkemm il-proċess hu wieħed xjentifiku, id-deċiżjoni finali tittieħed wara li tkun evalwata l-informazzjoni provduta.
Il-fatt li kull pajjiż membru qiegħed juża metodoloġija differenti għall-ġbir ta’ informazzjoni u evalwar tagħha, iwassal għal regolizazzjoni tal-biċċiet u mhux daqstant funzjonabbli.
Ċertament li mekkaniżmu regolatorju għall-Ewropa kollha fejn jirrigwarda spazju tal-ajru ma kienx se jfisser li ma jitħassrux titjiriet, imma seta’ jgħin biex sitwazzjoni inkonvenjenti għall-aħħar ma tinbidilx fi kriżi, u kriżi mhux żgħira.
Tali sitwazzjoni inkonvenjenti żviluppat fi kriżi għax l-għeluq u l-ftuħ tal-ispazju tal-ajru kienu prerogattiva sħiħa ta’ kull pajjiż membru.
Id-deċiżjonijiet jittieħdu fuq pariri ta’ esperti u regolaturi li ma kellhom ebda inċentiv jaraw il-bżonnijiet ta’ regolaturi nazzjonali oħrajn.
Mingħajr mandatt biex tiġbor lill-bordijiet regolatorji u l-ispazju tal-ajru taħt kappa waħda, l-awtoritajiet Ewropej, f’sitwazzjoni bħal dik ikkawżata mill-vulkan Iż landiz, setgħu biss jaġixxu ta’ intermedjarji.
Madankollu, kull deni ħudu b’ġid. Il-vulkan Iżlandiż u l-effetti tiegħu hu ttamat li jservu ta’ stimulu biex sa tmiem din is-sena tkun iddaħħlet fis-seħħ sistema integrata fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea li tassigura użu, u kontroll aktar effiċjenti tal-ispazju tal-ajru fl-interess ta’ kulħadd.
B’riżultat tal-falliment ta’ banek Iżlandiżi li fihom intilfu l-miljuni f’depożiti, l-aktar mill-Ingliżi, ir-rimarka ta’ dawk affettwati meta ġew iffaċċjati mill-iżbroff tal-vulkan Eyjafjallajokull kienet tgħid: “Please send us cash not ash.” It-titlu tal-artiklu tal-lum tnebbaħ minn din ir-rimarka.
Baqar mill-Estonja
Il-ġimgħa l-oħra għaddejt jumejn fl-Estonja b’konnessjoni mal-inkarigu li ngħatajt mill-Parlament Ewropew (PE) għal tħejjija ta’ rapport b’konnessjoni mat-talba ta’ dan il-pajjiż biex jissieħeb fiż-Żona Ewro. Apparti l-inkarigu uffiċjali, huwa ovvju li titkellem dwar pajjiżek.
Li ma kontx naf huwa li kien hemm żmien meta Malta impurtat 800 baqra mill-Estonja.
L-Estonja qatt ma kellha ordni daqs hekk kbira f’kolp wieħed. Min-naħa tagħha l-Estonja tistampa l-munita karta, kroon fl-istamperija ta’ De La Rue f’Malta.
Tul il-jumejn li għamilt fl-Estonja kelli diskussjonijiet maċ-Ċermen ta’ żewġ Kumitati tal-Parlament Estonjan, il-Kumitat għall-Affarijiet tal-Unjoni Ewropea u l-Kumitat tal-Finanzi. Laqgħat oħrajn kienu mad-Direttur Ġenerali tal-Istatistika u mad-Deputat Gvernatur u Kap tal-Kumitat għall-Politika Monetarja.
Indirizzajt ukoll konferenza dwar il-munita ewro u finalment kelli laqgħa mal-Ministru tal-Finanzi.
L-ghajnuna lill-Grecja fil-Qorti Germaniza
Il-Qorti Kostituzzjonali Ġermaniża l-ġimgħa l-oħra ċaħdet it-talba għal ħruġ ta’ mandatt temporanju biex il-Ġermanja tinżamm milli tgħin tipparteċipa f’pakkett ta’ għajnuna lill-Greċja biex tinħareġ mill-kriżi ekonomika li tinsab fiha.
Madankollu l-Qorti Kostituzzjonali Ġermaniża se tikkonsidra aktar tard jekk is-sehem Ġermaniż jiksirx trattati Ewropej. Il-każ tressaq quddiem il-Qorti minn grupp akkademiku fformat minn Ewroxettiċi.
Sehem il-Germanja huwa ta’ €22.4 biljun fuq tliet snin.
Janalizzaw il-pjan Spanjol
Il-Ministri tal-Ekonomija u tal-Finanzi tal-Unjoni Ewropea għada se jkunu qegħdin jiltaqgħu biex janalizzaw il-pjan tal-Gvern Spanjol għall-miżuri ta’ awsterità maħsub biex jilqa’ milli Spanja tgħaddi mill-esperjenza Griega.
Wara li dan il-pjan ikun analizzat għada, il-Kummissjoni Ewropea mistennija tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tagħha f’Ġunju li ġej.
17.5.10
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment